Interview - Miriam Calleja Shaw

You have recently published a book called COVID-19and the Virus that Shook the World . It provides a sobering look at virus infections and pandemics, with particular emphasis on the COVID-19 strain. Presently, the cases have diminished in Europe but the spread has moved elsewhere. However, how safe is ‘safe’ at the moment? With the way things are evolving with the ’new’ coronavirus, it’s very difficult to answer this question. The WHO just last weekend warned that the worst may be yet to come. We are certainly witnessing an atrocious amount of deaths and illness in the US. We don’t yet know with certainty which factors are affecting the progression of the pandemic. Indeed we don’t even know about all the symptoms that appear with COVID-19 infection. The relative ‘safety’ is different for everyone, depending on the state of their immunity and certain other factors. For a person with average health who isn’t too old, the danger of getting severely ill may be low – but we need to ...

Intervista - Bertram Portelli


L-aħħar ktieb li ppubblikajt huwa Ċajt ta’ Klassi, serje ta’ aneddoti umoristiċi minn għalliema, uħud minnhom magħrufin. Min-naħa l-oħra, ir-rumanzi tiegħek huma drammi psikoloġiċi. Veru li ‘iktar faċli tbikki milli ddaħħak’? Għaliex?

Kull kitba toffri l-isfidi tagħha u ebda kitba mhi faċli la biex tibdieha u wisq aktar biex ittemmha. Kull awtur, nemmen li jkun aktar mixħut lejn ġeneru jew ieħor ta’ kitba li jħossu aktar komdu biex jikteb u jkun verament hu. Nistqarr li d-dramm psikoloġiku, kif sejjaħt tajjeb ir-rumanzi tiegħi, huma x-xejra li l-aktar jien orjentat lejha u għaldaqstant nammetti li l-ktieb umoristiku Ċajt ta’ Klassi tani l-opportunità li nimraħ xi ftit f’dinja ftit jew wisq ġdida għalija fejn tidħol kitba u allura din l-esperjenza ġabet magħha sfidi ġodda. Xi awturi jħossuhom aktar mixħutin lejn kitba umoristika u allura f’dak il-każ, ir-realtà tkun xi ftit differenti. Ninsab sodisfatt però li l-ktieb intlaqa’ tajjeb ħafna u s-sodisfazzjon jiżdied meta tisma’ diversi persuni li jgħidulek li daħqu daħqa tajba grazzi għall-anedotti miktuba.

Ir-rumanz Il-Polz li Baqa’ Jħabbat huwa mmirat għaż-żgħażagħ, dak li bl-Ingliż isejħulhom Young Adult literature. Dawn ta’ spiss jinqabdu f’kontroversji għax jitkellmu dwar temi bħalma huma s-suwiċidju, id-droga u s-sess. Mhux qed ngħid li r-rumanz tiegħek jittratta dawn it-temi – imma taħseb li l-letteratura għaż-żgħażagħ għandha timraħ f’dawn l-akwati?

Il-letteratura - mhux biss dik taż-żgħażagħ - speċjalment dik realistika, m’għandhiex tibża’ timraħ fis-sitwazzjonijiet reali li naraw madwarna. Nemmen li l-letteratura għandha twassal biex il-qalb tħabbat tal-awtur tissinkronizza mal-qalb tħabbat tal-qarrej u allura ma tistax ma tkunx qed tesplora sitwazzjonijiet realistiċi li l-qarrej jista’ – anki jekk xi kultant b’mod remot – jassoċja ruħu magħhom. Il-letteratura għaż-żgħażagħ m’għandhiex tibża’ timraħ u titkellem dwar sitwazzjonijiet reali li jeżistu fis-soċjetà tagħna u twassal lill-qarrej biex jaħseb, jirrifletti u jħoss. Li l-qarrej iħoss, huwa l-aktar importanti għax f’soċjetà fejn xi kultant aħna l-bnedmin tlifna l-abbiltà tal-empatija minħabba li għollejna l-jien egoistiku fuq il-pedestall, il-letteratura għandha twassal ukoll biex qalb il-qarrej terġa’ tibda titgħallem tħoss. Il-bniedem mhux magħmul biss mill-moħħ, imma mill-qalb ukoll u l-letteratura tajba għandha tikkultiva din il-qalb.

Il-Polz Li Baqa' Jħabbat by Bertram PortelliIl-Polz li Baqa’ Jħabbat fih element Nisrani. Kienet għażla kuraġġuża min-naħa tiegħek li tagħmel hekk peress li llum il-ġurnata kull tip ta’ messaġġ reliġjuż jintlaqa’ b’ċertu xettiċiżmu. Taħseb li din l-attitudni qiegħda ċċaħħad liż-żgħażagħ minn esperjenzi formattivi importanti? Jew m’għandux x’jaqsam?

Għandna ħabta bħala bnedmin – u dan ma jgħoddx biss għall-kitba – li nagħlqu l-bieb għal realtajiet tal-ħajja minħabba xettiċiżmu jew xi kultant preġudizzju u dan japplika wkoll għar-reliġjon. Kull esperjenza li jgħaddi minnha l-bniedem – inkluż l-esperjenza tal-fidi – hija esperjenza li f’ħajtek iġġib bidla. Nemmen li l-esperjenza tal-fidi hija waħda li tagħni lill-bniedem għax il-bniedem għandu fih l-element spiritwali li jekk jittraskurah, ikun qed jittraskura parti essenzjali minn dak li jagħmlu hu min hu. Ma kelli u ma għandi ebda ħsieb li nikteb xi letteratura bi ħsieb didattiku. Lanqas xejn. Iżda l-kitba għandha ħabta tikxef il-ġewwieni tal-awtur, u f’dan ir-rumanz, kif għedt tajjeb inti, jixref it-twemmin tiegħi, parti minn dak li jien.

Inti l-editur ta’ żewġ volumi dwar il-Gudja, Omm ta’ Bosta Wlied. X’inhuma l-isfidi ewlenin li ħabbatt wiċċek magħhom inti u taħdem fuq dawn il-ġabriet?

Il-ħidma ta’ editur tinvolvi sfidi differenti minn dik ta’ kitba letterarja għax ir-rwol ta’ editur huwa rwol li jikkoordina sforz kollettiv aktar milli ta’ individwu. Il-ħidma bħala editur toffri l-isfida primarja li tiġbor flimkien ix-xogħol ta’ diversi persuni li jkunu qed jikkontribwixxu biex isseħħ pubblikazzjoni li tkun ta’ livell. Bħala editur trid tara wkoll li x-xogħol li jkun qed ikun ippubblikat - minkejja li jkun ir-riżultat ta’ ħidma ta’ tant persuni - ikun fl-aħħar mill-aħħar xogħol unit, bi struttura ċara u b’kontinwità editorjali. Minbarra d-dixxiplina fuqek innifsek – li kull awtur għandu bżonnha għall-kitba tiegħu – meta tkun editur jeħtieġ ukoll li żżomm dixxiplina fuq kull min qed jikkontribwixxi. Biex nagħti eżempju, jekk meta tkun qed tikteb, trid tagħmel ċertu deadlines fuqek innifsek, meta tkun editur, trid tara wkoll li d-deadlines qegħdin jinżammu wkoll mill-kontributuri kollha.

Ċajt ta' Klassi u battuti oħra - BDL Books
Bħala għalliem, inti qiegħed f’waħda mill-professjonijiet li bħalissa kellhom jgħaddu minn bidla radikali minħabba din il-pandemija. Skontok, x’inhuma l-merti u d-difetti li nkixfu fis-sistema edukattiva permezz ta’ din it-tranżizzjoni?

Jekk xejn, din il-pandemija wasslet biex fis-soċjetà tagħna napprezzaw aktar ir-rwol kruċjali tal-għalliema fil-formazzjoni ta’ wliedna. Fi blogg li ktibt u li ġie ppubblikat ftittal-jiem ilu, ippruvajt nuri kemm l-għalliema – li sfortunatament kultant ikun hawn min ma japprezzahomx biżżejjed – huma bil-bosta aktar minn sempliċiment persuni li qed jgħaddu materjal b’informazzjoni lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna. L-għalliema huma dawk il-persuni li permezz tal-kuntatt uman mal-istudenti – li sfortunatament intilef f’dan iż-żmien minħabba l-pandemija – iservu ta’ gwida biex l-istudenti jikbru fi rġiel u nisa ta’ sinsla li b’ħajjithom jagħmlu esperjenza sabiħa għalihom u għal ta’ madwarhom. Din il-pandemija naħseb li ġabet lil aktar persuni konxji kemm ir-rwol tal-għalliema mhux biss għadu relevanti iżda kulma jmur qed isir aktar indispensabbli fil-formazzjoni tal-individwu. Jalla napprezzaw aktar lill-għalliema tagħna, qabel ma nkomplu nitilfuhom.

Ħafna kittieba jkollhom qarrej/a ideali f’moħħhom huma u jiktbu. Taqbel ma’ din? Ikollok xi ħadd f’moħħok inti u tikteb?

Ma jkolli ebda qarrej partikulari f’moħħi jien u nikteb, minkejja li jkolli udjenza primarja – fis-sens wiesa’ tal-kelma – f’moħħi. Altru qed tikteb letteratura għat-tfal u altru għaż-żgħażagħ; il-lingwaġġ, l-istil, il-plott ivarja. Kif semmejt aktar ‘il fuq, l-udjenza primarja tiegħi hija dik żagħżugħa iżda b’daqshekk ma jfissirx li l-kotba tiegħi ma japplikawx għal min hu akbar fl-età. Inħoss sodisfazzjon kbir meta mhux biss żgħażagħ, iżda anki adulti – u kultant anki persuni ħafna akbar fl-età – jgħiduli kemm tolqothom il-kitba tiegħi.

Għandek xi passatempi li tixtieq taqsam magħna?

Minn fejn se nibda? Ħeħe. Passatempi għandi, ħin mhux daqstant. Apparti l-kitba kreattiva, inħobb ukoll naqra speċjalment letteratura Maltija. Jien ukoll kollezzjonist tal-Melitensia u għandi namra speċjali għall-kotba antiki li jiffurmaw parti mil-librerija tiegħi. Netflix jaħdem mhux ħażin miegħi wkoll. Apparti l-kotba, iċ-ċinematografija nħobbha wkoll għax bħal-letteratura iddaħħlek fi ġrajjiet li għalkemm ma jkunux reali, iġegħluk tħossok li huma reali u dan huwa faxxinu għalija – aspett li fl-istudji tal-letteratura ġieli jissejjaħ id-dinja sekondarja. L-hena tiegħi wkoll niskopri kif ikunu nħadmu ċerti xeni u niskopri x-xogħol kbir li jkun hemm wara kull biċċa xogħol. Inħobb ukoll il-mixjiet fil-kampanja u l-ħruġ ħdejn il-baħar, inkella li sempliċiment inkun fil-kumpanija ta’ dawk il-ħbieb li aktar tqishom bħala familja u nidħku xi daħka tajba. Dawk il-mumenti jinżluli għasel! Inħobb ħafna wkoll lil raħal twelidi, il-Gudja u għalhekk inħobb niskopri u nirriċerka fuq l-istorja ta’ dan il-raħal għażiż għalija.

Tirrikkmandalna ktieb jew film jew diska? Għalfejn għażilt din/dan?

Il-ġabra ta’ tifkiriet Fjuri Li Ma Jinxfux ta’ Oliver Friggieri huwa wieħed mill-kotba li għalkemm hu voluminuż, ma niddejjaqx li kultant żmien nerġa’ niftħu. Minbarra l-kitba eċċellenti bħal dejjem ta’ Friggieri u r-rakkonti tal-esperjenzi personali tiegħu, il-ktieb jiftaħ ukoll tieqa fuq is-soċjetà Maltija tal-imgħoddi, b’dak kollu marbut magħha. Ma jonqsux ukoll ir-riflessjonijiet qosra iżda profondi li jinfilsa Friggieri fir-rakkonti tat-tifkiriet tiegħu li jwasslu lill-qarrej biex jieqaf u jirrifletti.

Biex nagħlqu: x’inhi l-isbaħ ħaġa li qatt qallek xi ħadd?

Iktar milli xi ħaġa li darba qalli xi ħadd, napprezza ħafna meta xi wħud li magħhom jiena qrib ħafna jgħiduli kliem bħal “Imnalla kont int” jew “grazzi immens”. Hemmhekk nimtela b’ferħ kbir. Barra minn dan, kull darba li xi ħadd japprezza, bis-sempliċi kelma “grazzi” jew “napprezza”, dik ukoll għalija tkun l-isbaħ kelma.
----------
Jekk tixtieq tixtri l-kotba ta' Bertram tista' tixtrihom minn hawn:

RUMANZI
L-Appartament Numru Tmienja (self-published)
Ċajt ta' Klassi u battuti oħra (Kite)
Il-Polz li baqa' jħabbat (Preca Library)

RIĊERKA
Omm ta' Bosta Wlied (Kunsill Lokali Gudja)
Omm ta' Bosta Wlied 2 (Kunsill Lokali Gudja)
(Dawn iż-żewġ volumi tistgħu tixtruhom billi tikkuntattjaw lill-Kunsill Lokali tal-Gudja HAWN jew il-Parroċċa Santa Marija HAWN.)

KTIEB TAL-ATTIVITAJIET
Jerġgħu jsiru tfal (Agius & Agius)
(Attivitajiet u eżerċizzji mibnija fuq il-ktieb 'Darbtejn Insiru Tfal' ta' Charles Casha)




Comments