Ftit jiem ilu ħareġ il-ktieb tiegħek Mittkelma, mitt storja ta’ mitt kelma l-waħda. Fl-2018
ippubblikajt Fuq Widnejn Torox u stejjer żbukkati oħra, kitbiet ta’ mhux
iktar minn mitejn kelma. X’jaffaxxinak fil-flash fiction? X’inhuma l-isfidi li
tikteb daqshekk fil-qosor?
Din l-avventura bdiet ma’ inizjattiva għal paġna ta’ stejjer qosra fuq facebook, Għidli Mitejn – stejjer ta’
200 kelma, li nemmen li jidħlu tajjeb ma’ dawn iż-żminijiet ta’ social media u
stejjer għaddejjin minn quddiem għajnejna donnhom f’leħħa. Ippruvajt l-ewwel
storja … it-tieni … ġiet idea għat-tielet waħda u nista’ ngħid li dan il-ġeneru
rebaħni. Ippjanajt l-istejjer daqslikieku qed nikteb stejjer aktar fit-tul;
b’bidu b’saħħtu, x’ġara u tmiem adattat. Il-karattri ridthom jiġbdu l-interess
tal-qarrej. Kelli nekonomizza fl-ammont ta’ kliem. Kull kelma saret għandha
skop. Fejn hu possibbli ridt nuża kelma waħda biex niddeskrivi sitwazzjoni. Ma
kinitx daqstant faċli li nwassal storja kompluta u li tinftiehem, imma dan
il-ġeneru żgur servieni ta’ dixxiplina u għenni nimmatura fil-kitba.
Is-sena l-oħra ħriġt O.B.E., rumanz li, apparti affarijiet oħra, jittratta kif għal xi nies
il-passat huwa madmad li jġorru magħhom il-ħin kollu. Din hija tema li nsibuha
f’xogħlijiet oħra tiegħek, pereżempju f’Il-Kulur tal-Lellux. Inti, bħala
kittieba, x’inhu li ‘ġġib miegħek’ meta tpoġġi bilqiegħda biex tikteb? Hemm xi
esperjenza jew persuna li huma prominenti fil-ħajja letterarja tiegħek?
Naħseb li kull kittieb jiġi b’file kbir miegħu ta’ esperjenzi li ġemma’ tul
is-snin, kemm jekk inhuma esperjenzi personali, kif ukoll dawk letterarji jew
ideat miġbura minn karattri li setgħu daħlu f’ħajtu. Kultant tkun data li
toħodna lura nfittxu x’seta’ ġara, fejn konna dak iż-żmien u tinduna li fil-wiċċ
jitla’ ħafna aktar milli tkun qed tfittex. Quddiemek jgħaddu episodji li
mingħalik tkun dfint, biżgħat li taħseb li tkun irbaħt. F’dawn iż-żewġ rumanzi
xprunajt il-paranormal. Meta kont għadni l-iskola kont kurjuża għal fenomeni li
ftit hawn spjegazzjoni għalihom. Studjajt ix-xjenzi, fejn is-soluzzjoni tiġi
donnha formula lesta, jew element jirrelata ma’ element ieħor u joħloq
riżultat. Imma l-paranormal minn dejjem affaxxinani u mal-mogħdija taż-żmien
jiġru ħwejjeġ li ftit tista’ ssib spjegazzjoni għalihom bħal koinċidenza ta’
data jew sempliċiment fatt li tkun qed taħseb f’persuna u ftit tal-ħin wara
taħbat magħha. Ġieli nistaqsi, ‘Jistgħu jkunu fenomeni naturali li l-bniedem
mhux qed ikun sensittiv biżżejjed għalihom?’ jew, ‘Sirna wisq aljenati biex
ninnotaw x’qed jiġri madwarna?’
Adattajt żewġ rumanzi storiċi: Imħabba u Mibegħda ta’ Ġużè Bonnici u Meta nħaraq it-Teatru u San Ġwann ta’ Ġużè
Galea. Tista’ tispjegalna ftit fiex kien jikkonsisti dan l-adattament, u kif
ħassejtek meta ġejt biex ‘tagħġen’ ix-xogħol ta’ dawn iż-żewġ ġganti
tal-letteratura Maltija?
Meta ġejt avviċinata biex nagħmel adattament tar-rumanzi klassiċi, ngħid
id-dritt, inħsadt. Kif għedt int, dawn iż-żewġ awturi huma ġganti
tal-letteratura. Ġejt fdata b’biċċa responsabbiltà kbira, iżda ħassejt ukoll
il-bżonn li dan ix-xogħol letterarju għandu jitwassal lit-tfal u adolexxenti
tagħna, b’mod li jkunu jistgħu japprezzaw ir-rumanzi klassiċi tal-epoka.
Niftakarni għand in-nanna nisma’ siltiet minn uħud minn dawn ir-rumanzi fuq
is-sett tar-Rediffusion. Dak il-ħin kien jieqaf kollox, ma kienx permess logħob
jew storbju. Kont naffaxxina ruħi nisma’ l-lingwa u t-ton li kien juża l-qarrej
biex janima r-rakkont aktar mir-rumanz innifsu. Aktar ’il quddiem qrajt jien
stess rumanzi klassiċi. Għoġbitni l-kelma mirquma fihom, l-espressjonijiet
idjomatiċi u l-mod kif ir-rakkont jitrawwam fi sfond storiku. Niftakarni nerġa’
naqra kliem mirqum li jolqotni. Jien u naqrahom mill-ġdid qabel bdejt naħdem
fuqhom, sibt li ma tilfu xejn mill-maġija li kellhom fuqi lura fiż-żmien.
Reġgħu ħaduni f’waqtiet fil-pajsaġġ Malti deskritt sal-iċken dettall, żmien
il-ħolm. Iżda jien u naqra ma stajtx ma nistaqsix lili nnifsi, kemm għadha
relevanti dit-tip ta’ narrattiva fiż-żminijiet tal-lum; jekk hix se tiġi
apprezzata. Żammejt f’moħħi meta nkitbu, il-mod ta’ kif ġie rrakkontat
ir-rumanz, u għal liema udjenza nkitbu. Bla dubju kemm Bonnici kif ukoll Galea
ma kellhomx f’moħħhom kotba għat-tfal meta kitbu dawn ir-rumanzi, għaldaqstant
kelli nadatta ħafna mit-test biex ikunu jistgħu jinqraw minn qarrejja żgħar.
Sibt termini li ftit għadhom jintużaw fid-dinja tal-lum jew jekk jintużaw
jista’ jkun li bidlu t-tifsira. Jien u naqra dawn il-klassiċi nnotajt kemm
kienet tintuża repetizzjoni, jista’ jkun biex l-awturi jerġgħu jġibu
lill-qarrej magħhom jew ifakkruhom f’episodji aktar ’il quddiem fir-rakkont. Għalkemm
f’idejja kelli rumanz ibbażat fuq l-istorja, xorta ħassejt li għandi nagħmel
ir-riċerka, naqra materjal storiku. Fejn stajt żort postijiet imsemmijin
fir-rakkont biex nidħol fl-atmosfera. Ma kienx dejjem possibbli, l-aktar
fl-ambjent rurali li ġie rrakkontat dwaru fir-rumanz. Iżda postijiet bħal
palazzi u toroq fil-Belt għadhom hemm. Użajt metodi oħra biex infakkar
lill-qarrej f’dak li diġà ġara mingħajr ma nuża frażijiet repetittivi. Ktibt
b’mod li l-kitba tkun mexxejja u mhix imtaqqla b’dettalji żejda. Fuq kollox
żammejt f’moħħi l-udjenza għal min se nikteb.
Inti waħda mill-iktar awturi prolifiċi li għandna f’Malta
u jkollok diversi pubblikazzjonijiet fis-sena, kemm għat-tfal u kemm
għall-kbar. X’inhu li l-iktar jimmotivak biex tikteb?
Naħseb aktar inħoss il-“bżonn” li nikteb, li nirrakkonta ġrajja,
ninterpretaha fi kliem. Imma bla dubju l-akbar motivazzjoni tiġi mill-qarrejja,
meta jikkomunikawli messaġġ pożittiv u nkoraġġanti.
Bħala kittieba tal-finzjoni, kemm iżżommha f’moħħok
l-udjenza tiegħek inti u tikteb? Tikkundizzjonak fl-istil u/jew fil-kontenut?
Bla dubju l-udjenza għal min se nikteb se tikkondizzjonali kemm l-istil ta’
kitba kif ukoll il-kontenut. U ħafna drabi nsir parti minn dik l-udjenza,
naħseb bl-istess mod li kieku nidħol fiż-żarbun tagħhom, għandi l-istess età u
tlajt fl-istess ambjent li ġejjin minnu huma.
Bħalissa hawn bosta kotba bil-Malti li huma
traduzzjonijiet. Taħseb li din hija xi ħaġa tajba, u għaliex?
Bħalissa fis-suq qed insibu kotba tradotti għall-Malti li qed jiftħulna
orizzonti ġodda. Bis-saħħa tagħhom qed nifhmu d-diversità fil-kulturi madwarna.
Jista’ jagħti l-każ li bis-saħħa tagħhom qed jiżdied l-għarfien għal ġeneri
oħra ta’ letteratura u b’hekk qed tgħani aktar id-dinja tal-ktieb Malti.
Għandek xi passatempi li tixtieq taqsam magħna?
Passatempi għandi bosta, sakemm jippermettili l-ħin. Inħobb ħafna l-għawm
fis-Sajf u l-mixjiet twal fil-kampanja fix-Xitwa. Fid-dar inħobb il-kura
tal-pjanti, li kważi nqishom bħala pets. Għandi wkoll għal qalbi t-tpinġija u
l-pittura. Anżi meta ma nkunx qed nikteb ħafna drabi nkun qed inpinġi.
Tirrikkmandalna ktieb jew film jew diska? Għalfejn
għażilt din/dan?
Film li ma niddejjaqx nara aktar minn darba huwa, La Vita è Bella,
għall-mod kif sitwazzjoni ta’ biża’ u l-orrur f’kamp tal-konċentrament nbidlet
għal logħba maġika f’għajnejn tifel. Fih elementi ta’ kompliċità, battuti
umoristiċi u profondi fis-sempliċità tagħhom li qed iseħħu f’ambjent traġiku.
Il-patos u l-innoċenza jinħassu sa tmiem il-film. Fuq kollox għandu mużika
mill-isbaħ.
Biex nagħlqu: x’inhi l-isbaħ ħaġa li qatt qallek xi ħadd?
Forsi aktar nista’ nikkwota kumment li nkiteb dwari, li nirreferi għalih
f’mumenti meta naħbat se naqta’ qalbi nibda nikteb, “Rita Saliba taf tikteb!”
----------
Jekk tixtieq tixtri l-kotba ta' Rita tista' ssibhom minn hawn:
KOTBA GĦAT-TFAL U GĦALL-ADOLEXXENTI
KOTBA GĦALL-KBAR
Comments
Post a Comment