Kissirtu Kullimkien, l-aħħar ktieb tiegħek, fih
għajta ta' protesta lejn il-bini bla rażan li bħalissa qed joħnoq l-ambjent
Malti. Hemm ukoll kritika lejn in-nuqqas ta' kunsiderazzjonijiet estetiċi f’dan
il-bini l-ġdid li qed jitla'. Taħseb li d-diskors soċjo-politiku jista' jitwaħħad ma' dak estetiku? Li kieku l-binjiet ġodda kienu sbieħ, id-diskors
jieħu sura oħra?
Apparti l-bżonn ovvju li jkun hemm liġijiet retti
u stretti li jneħħu kull possibbiltà ta' żvilupp ta' spazji miftuħa, nistgħu
ngħidu wkoll definittivament li hemm element ta’ traskuraġni u
inkonsiderazzjoni kbira fl-industrija tal-bini f’Malta. Tista' kważi tgħid li
l-element kreattiv u pjaċevoli ta' kważi kull binja ta' blokok huwa
ineżistenti. Il-bini huwa karnivalata ta' sulari u kuluri differenti. Għandu
jinħoloq standard. U dan l-istandard ma jistax ikun ġej mill-'bonavolontà' tal-perit jew tal-iżviluppatur. Għandu jiġi minn liġijiet stretti u ċari ta' kif l-estetika għandha tkun waħda omoġena, sabiħa u li tirrispetta l-karatteristiċi
li jsebbħu l-post u mhux ikerrhuh. Ukoll, it-toroq għandhom ikollhom l-ammont
ta' sulari rregolarizzati
L-iżvilupp bħalissa huwa għajta sħiħa ta' 'ejja ħa
nagħmlu l-flus malajr kemm jista jkun'.
Xejn iktar. Xejn inqas.
Fin-novella 'Stejjer bejn bibien magħluqa' jispikka l-faxxinu li għandek bid-djar vojta u/jew abbandunati, xi ħaġa li
esplorajt anki bil-fotografija. X’jaffaxxinak f’dawn il-binjiet? Temmen li xi
ħaġa li mhix ħajja jaf ikollha ruħ jew spirtu?
Nemmen li l-imħabba u l-attenzjoni jinħassu anka
fl-iċken oġġett. L-imħabba u l-attenzjoni huma xi ħaġa reali li jinħassu b’mod
tanġibbli fl-affarijiet li jiġu kkreati bihom. Id-dar fl-istorja li qiegħed
issemmi hija dar antika li għandha mijiet ta’ snin fuqha, dar li nħadmet
b’reqqa, li rat ħafna stejjer għal mijiet ta’ snin. U dawk l-istejjer b’xi mod
ħallew traċċi li jinħassu hekk kif tirfes mill-bieb ’il ġewwa. Forsi loġikament
dan l-argument jagħmel ftit sens. Ġieli dħalt f’dar, li qatt ma rajt jew smajt
xejn dwarha, u tħoss bħal xi ħaġa tiġbdek lejha? Jew bil-kontra, li timbuttak ’il
barra? Hemm affarijiet li l-kliem mhuwiex tajjeb biex jispjegahom. Hemm spazji li
jqanqlu ħafna sentimenti, u tħossok qiegħed taqra storja li ma tafx, imma
storja li b’xi mod tirrelata magħha.
Hemm tip ta’ vojt ieħor li titkellem dwaru.
Issemmieh kemm-il darba f’Lucy Min?. Dan huwa vojt immens, meraviljuż u tat-twerwir fl-istess ħin,
iċekknek u tistħajlu se jibilgħek. Tkellimna ftit dwaru?
Dak il-vojt huwa xi ħaġa li ċerta kulħadd għadda
minnu u/jew qed jgħaddi minnu. Illum il-ġurnata narah parti minn proċess
importanti f’ħajti. Huwa żmien ikrah ħafna fejn tmiss il-qiegħ u tistaqsi x’inhi
r-raġuni għala qed tqum kull filgħodu. Tistaqsi lilek innifsek jekk hux aħjar
ħajja jew mejta. Dawn l-argumenti m’għandhomx ikunu tabù. Kulħadd wasal f'punt
f'ħajtu fejn ħass dawn l-affarijiet u ħassu mess qiegħ ikrah. Imma f’dawn
il-mumenti, jekk tagħraf u tkun onesta miegħek innifsek li missejt dak il-qiegħ,
u lesta taċċetta l-bidla u anka l-għajnuna, jafu jkunu żminijiet ta’ bidliet
kbar; bidliet li kienu u ilhom neċessarji għal ħajtek. Verament nemmen li xi
kultant trid tmiss ix-xifer biex tapprezza kollox u l-bqija. U trabbi għodda
biżżejjed fil-proċess, biex għal żminjiet oħra oskuri, li huma inevitabbli
fil-ħajja, tkun taf kif għandek tgħixhom.
F’Kissirtu Kullimkien hemm nostalġija għal passat
li ħafna jassoċjawh ma’ kittieba romantiċi bħal Dun Karm Psaila u Anton
Buttigieg fejn, milli jidher, kien hemm rapport b’saħħtu bejn il-bniedem u n-natura.
Bosta awturi kontemporanji huma xettiċi dwar din in-nostalġija. Taraha bħala xi
ħaġa kontradittorja fik, bħala kittieba żagħżugħa li qed tikteb bħalissa? Għalfejn?
Jien ma niktibx biex insegwi l-linji ta’ awturi
kontemporanji; kull awtur huwa għalih. Għalija personali, in-natura naraha li
tgħaqqad il-moħħ u l-ġisem. Fid-dinja mgħaġġla tal-lum hija xi ħaġa iktar
komuni li nitilfu dan il-bilanċ; il-moħħ jaħdem ħafna għalih, u l-ġisem ma
jlaħħaqx miegħu Hemm żbilanċ, u b’hekk
illum in-nies ifittxu affarijiet bħall-meditazzjoni u min-naħa l-oħra, attività
fiżika – biex jerġgħu jsibu dak il-bilanċ.
Minn punt ieħor, in-natura naraha xi ħaġa kbira u
ikbar minnek. Tiċkien f’dak il-kobor imma fl-istess ħin tħoss ġismek u l-menti
bħala parti minn kunċett ikbar. M’iniex qiegħda nitkellem fuq Alla. Imma naħseb
is-sentiment huwa simili fir-rigward li tħossok mistrieħa fil-fatt li int iċken
u ssib il-kenn f’dak iċ-ċokon – din nispjegaha aħjar fl-istorja qasira u daqsxejn
ambigwa ‘’Il bogħod’, f’Kissirtu Kullimkien.
Lucy Min? huwa rumanz li jitkellem dwar
ġenerazzjoni partikolari. Tqis ruħek bħala l-portavoce ta’ din il-ġenerazzjoni?
Ftit prużuntuża kieku naħseb hekk. Fuq l-istess
nota, Lucy Min? inqara minn ħafna
udjenzi differenti, u l-iktar kumment komuni kien li rrelataw ħafna ma’ Lucy, u
li l-ktieb ħadhom lura għal dawk iż-żminijiet. Li jagħmel Lucy Min?
speċjali naħseb huwa l-onestà b’mod miftuħ ħafna li Lucy titkellem bih. Inġenerali titkellem b’ton każwali ħafna f’kull storja li tkun għaddejja
minnha, bla sens ta’ mistħija anka fuq temi mhux daqstant popolari bħal sess u
droga, imma t-ton ta Lucy narah ġenwin u ma jridx jipprova jimpressjona, huwa
biss ton ta’ ‘as a matter of fact’. Nemmen li għalhekk in-nies irrelataw ħafna
ma’ Lucy.
Ħafna kittieba jkollhom qarrej/a ideali
f’moħħhom huma u jiktbu. Taqbel ma’ din? Ikollok xi ħadd f’moħħok inti u
tikteb?
Le ta. Fis-sens ta' influwenzi differenti, ovvjament; u
ftit ftit dawk jinfluwenzawk, bħal pereżempju awturi oħra. Dawk huma xi ħaġa inevitabbli, qegħdin stampati fis-psyche tiegħek. Imma ftit ftit trid issib leħnek, u ma
tridx tipprova timmodifikah jew tiċċensurah, għall-ebda udjenza, għall-ebda
influwenza li jista’ jkollok u għall-ebda raġuni oħra. Il-kitba trid tkun
tiegħek, u ta’ ħadd iktar.
Għandek xi passatempi li tixtieq taqsam
magħna?
Ma nafx. Jien kollox jinteressani. Tant li xi
kultant insibha vera diffiċli li niffoka fuq ħaġa waħda. Qed nipprova
nitgħallem kif. Ħeħe. Imma jekk għandi nċekken, ngħid li nħobb ħafna l-pjanti u
l-agrikoltura (infatti bħalissa għaddejja bi proġett żgħir agrikolu ma’ ħabib
tiegħi), inħobb ħafna ’l Malti (bħalissa qed nieħu kors tal-Qari tal-Provi infatti),
inħobb nieħu r-ritratti, inħobb postijiet abbandunati jew trejqiet mhux ovvji
li jwasslu għal xi għelieqi moħbija wara kaos ta’ karozzi u toroq. Inħobb naqra
l-kotba, inħobb nikteb, inħobb nagħti sehem fil-komunità permezz ta’ attiviżmu
jew sempliċiment naqbad parlata intima ma’ nies li qatt ma kont naf qabel. Ħa
nieqaf ara għax ħa nibqa’ għaddejja.
Tirrikkmandalna ktieb jew film jew diska?
Għalfejn għażilt din/dan?
The Stories of Eva Luna kien ktieb li fetaħli moħħi għall-maġija kbira
ta’ possibbiltajiet differenti fil-ħajja. Huma stejjer qosra ta’ nisa
differenti minn kull klassi jew sitwazzjoni differenti tal-ħajja. Li
jgħaqqduhom kollha f’daqqa bħala karattri kienu l-problemi tal-ħajja,
il-ġentilezza (kindness) ta’ ħaddieħor u n-nies u s-sitwazzjonijiet differenti
li ltaqgħu magħhom li finalment fetħulhom moħħhom u għenuhom isolvu kull ostaklu
immaġinabbli. Huwa ktieb ħelu u ġentili immens li jqawwilek qalbek b’ħafna
modi differenti.
Biex nagħlqu: x’inhi l-isbaħ ħaġa li qatt
qallek xi ħadd?
Li jħossuhom komdi jgħiduli kollox. Affarijiet li
qatt ma qalu ’l ħaddieħor.
----------
Jekk tixtieq tixtri l-kotba ta' Lara tista' ssibhom hawnhekk:
Comments
Post a Comment