Is-sena l-oħra ħriġt il-ktieb Eroj, storja li bħala sfond għandha l-irvellijiet tas-Sette Giugno. Konvoj
u Ix-Xafra tad-Destin huma wkoll ambjentati fil-passat. X’għandu
x’jgħidilna r-rumanz storiku llum il-ġurnata?
Rumanz
storiku huwa mod differenti ta’ kif kittieb jgħaddi l-istorja ta’ pajjiż
lill-qarrejja b’mod ħafif, mexxej u pjaċevoli. Ma ninsewx li hawn bosta
qarrejja li ma jfittxux li jaqraw kotba tal-istorja akkademiċi, dettaljati u
analitiċi. B’hekk, rumanz storiku kapaċi jolqot faxxa wiesgħa ta’ qarrejja waqt
li xorta waħda jwassal dak li jkun ġara fil-passat bi storja sempliċi, u mħawra
wkoll bl-element tal-imħabba u b’xi avventura eċitanti.
Naħseb
li fil-ħajja mgħaġġla tal-lum fejn għal kull informazzjoni li neħtieġu malajr
nirrikorru għall-faċilitajiet diġitali, rumanz storiku xorta waħda għandu jżomm
postu biex iwassal il-ġrajjiet ta’ pajjiż b’mod romantiku u ferm aktar attraenti
minn paġna mingħajr ebda sens ta’ emozzjoni li tittella’ minn fuq l-internet.
Għandek żewġ rumanzi, Preżenza
u L-Ewwel Preżenza li għandhom tema sopranaturali. X’inhu l-faxxinu
tas-sopranaturali? Għalfejn taħseb li n-nies jibqgħu jfittxu dawn l-istejjer?
It-tema
tas-sopranaturali minn dejjem qanqlet interess kbir fil-bniedem. Interess li
kapaċi jqanqal emozzjonijiet u immaġinazzjoni qawwija, kemm fil-kbar kif ukoll
fiż-żgħar. Tant li l-istejjer li minn dejjem inħolqu b’karattri u spirti differenti
huma numerużi, u ma jmutu qatt! U kien proprju għalhekk li jiena ktibt dwar
il-Ħares għax dan kapaċi jqanqal sens ta’
biża’, kurżità u misteru, minħabba li ħafna jfittxu li jaqraw materjal ta’
din ix-xorta biex jippruvaw jiskopru x’jiġri mill-bniedem wara li jmut.
Dan
huwa misteru etern. Veru li meta l-ġisem jintemm, ir-ruħ tibqa’ ħajja? Xi jsir
minnha? Fejn tmur? Veru li hemm il-ġenna u l-infern? L-ispirtu jista’ jinbidel
f’ħares? U x’inhu verament il-ħares – ruħ ta’ persuna li tinqabad bejn din
il-ħajja u l-ħajja ta’ wara? U għaliex hawn erwieħ li ma jkunux jistgħu jsibu
l-mistrieħ ta’ dejjem? X’inhu li jżomm spirtu maqbud bejn hawn u hemm? Xi
spjegazzjoni jista’ jkun hemm għall-istejjer li jirrakkuntaw dawk il-persuni li
jkunu mietu għal ftit minuti biss (Near Death Experiences), fejn isibu ruħhom
fil-mina tad-dawl ma’ erwieħ oħrajn. Xi jħossu? X’jaraw? Għaliex kollha jgħidu
li jiddispjaċihom li jkunu ġew lura mal-ħajjin u li ma baqgħux sejrin lejn dak
id-dawl?
L-awtur
ċelebri Anton Grasso lili dejjem jgħidli li minn banda, imnalla li ħadd ma jaf x’tassew
hemm jistenniena wara l-mewt għaliex kieku, din il-ħaġa ma tibqa’ misteru xejn
u ma tibqa’ tqanqal l-ebda emozzjonijiet, eċitament, kurżità u għatx
għat-tiftix tal-verità.
Kif rajna, inti tesplora ħafna ġeneri differenti. Din hija deċiżjoni li
tieħu inti qabel ma tibda tikteb jew inkella hija l-istorja nnifisha li
tressqek lejn ġeneru partikolari?
Jiena
nipprova nkun versatili fil-kitbiet tiegħi. U dan biex kemm jista’ jkun
nipprova nattira qarrejja ġodda biex jaqraw bil-Malti. Hemm aktar ċans li temi
differenti jolqtu qarrejja differenti li jinteressawhom suġġetti differenti.
Kien għalhekk
li ktibt dwar il-ħares; l-abbuż domestiku fi grajja mqanqla, senswali u kemxejn
erotika; it-Tieni Gwerra Dinjija; il-Konvoj ta’ Santa Marija; l-Assedju l-Kbir
tal-1565; l-invażjoni ta’ Malta mill-Franċiżi fi żmien Napuljun; u l-aktar tema
riċenti kienet is-Sette Giugno.
Ngħid
is-sew, il-ħeġġa tal-kitba tiegħi tiġi pprovokata ferm meta jkun riesaq xi
anniversarju storiku importanti fuq il-gżejjer Maltin. Fil-fatt, Ix-Xafra tad-Destin ktibtu f’għeluq l-450
sena mill-Assedju l-Kbir ta’ Malta. Konvoj
ktibtu f’għeluq il-75 sena mill-wasla mirakoluża ta’ dan il-vjaġġ leġġendarju. L-Ewwel Preżenza ktibtu meta l-invażjoni
tal-qawwiet Franċiżi għalqet 220 sena. U Eroj
ktibtu biex infakkar l-irvellijiet imdemmija li seħħew 100 sena qabel.
Imbagħad
nagħmel ir-riċerka meħtieġa biex kif għedt qabel, inwassal dawn l-avvenimenti
storiċi lill-qarrejja tar-rumanzi b’mod sempliċi, mexxej u pjaċevoli. B’hekk,
b’ġebla waħda nkun qiegħed nolqot żewġ għasafar għax minbarra li nħajjar aktar
nies jaqraw bil-Malti, inkun qiegħed ukoll nagħti ħafna tagħrif siewi dwar
l-avvenimenti storiċi ta’ pajjiżna permezz tal-avventuri li noħloq fir-rumanzi
tiegħi.
Jekk hemm tema li ssibha fix-xogħlijiet kollha tiegħek hija t-tema tal-imħabba.
Hawn min jgħid li l-ikbar stejjer li qatt inkitbu huma kollha stejjer
tal-imħabba. Taqbel? Għaliex?
X’hemm
isbaħ mill-imħabba?!
Jiena
nemmen li wieħed mill-aktar ingredjenti importanti ta’ rumanz huwa l-aspett romantiku.
Dan għaliex l-imħabba kapaċi tittrażmetti emozzjonijiet qawwijin bejn il-kittieb
u l-qarrej. L-imħabba kapaċi tagħti kuluri aktar vivaċi lill-ġrajja biex
ir-rakkont ma jibqax miexi dejjem fuq l-istess binarju, bit-tendenza li jsir
monotonu. Barra minn hekk, l-imħabba tiżvela l-emozzjonijiet li jkun qiegħed
iħoss il-kittieb waqt li jkun qed jikteb, u aktarx iva milli le, tqanqal xewqat
senswali fil-moħħ u fil-qalb tal-qarrej huwa u jiskopri l-karattri b’mod aktar
intimu.
Għalhekk,
naqbel li l-element tal-imħabba jagħmel rumanz aktar pjaċevoli, interessanti u
iżjed popolari. Biss, din ma nistax ngħid li hija r-regola. Dan għaliex lili,
ir-rumanz famuż ta’ Ġużè Galea RaġelBilgħaqal tant jogħġobni, u kif jogħġob lili naf li jogħġob lil ħafna
qarrejja oħra. Però, minn dejjem kont ninnota li dan ir-rumanz għandu xi ħaġa
importanti ħafna nieqsa fir-rakkont, jiġifieri storja ta’ mħabba romantika.
Ir-relazzjoni li tinbet bejn is-Sur Marku u t-tfajjel Rigu fiha sens ta’ mħabba
wkoll, biss m’hijiex dik l-istess imħabba senswali li jħossu żewġ maħbubin li
tqanqalhom lejn xulxin.
Għalhekk,
minkejja li dan ir-rumanz xorta waħda jibqa’ wieħed mir-rumanzi favoriti
tiegħi, dejjem ħadt ħsieb li l-ingredjent li ħalla barra dan l-awtur, li tant
jagħti togħma ħelwa lir-rakkont, jiena ma nċaħħadx lill-qarrejja tar-rumanzi
tiegħi minnu.
Wara kollox,
x’inhu l-bniedem mingħajr l-imħabba?
Bħala kittieb tal-finzjoni, kemm iżżommha f’moħħok l-udjenza tiegħek inti u
tikteb? Tikkundizzjonak fl-istil u/jew fil-kontenut?
Nista’
ngħidlek li meta niġi biex nikteb, il-ħsieb tiegħi ikun li nolqot lil firxa
wiesgħa ta’ qarrejja. It-tema tal-avventura tkun dejjem qawwija biex tqanqal
l-immaġinazzjoni ta’ tfal kbar, adolexxenti, persuni maturi u anki dawk ta’ età
ikbar. Il-kuntest storiku jkun mifrux b’tali mod li jdaħħlek fl-interess biex issir
taf aktar dwar l-istorja ta’ pajjiżna. Il-Malti li nuża huwa idjomatiku, mexxej
u b’kapitli qosra biex ikompli jħeġġeġ lill-persuna tkompli taqra. U l-istess
jista’ jingħad għat-tema tal-imħabba li b’mod ħelu u sottili, twassal lil kull
qarrej sal-bieb tal-immaġinazzjoni mingħajr ma tinqabeż il-linja tal-prudenza.
Madanakollu
fir-rumanz Skjava, il-qarrej huwa
espost għal sitwazzjonijiet senswali ferm aktar profondi minn f’rumanzi oħrajn
li ktibt jiena. Dan minħabba li t-tema tirrikjedi li l-qarrej iħoss it-tqanqil
kif ukoll il-weġgħat, kemm emozzjonali kif ukoll dawk psikoloġiċi li tkun
għaddejja minnhom il-protagonista prinċipali, li jiena nirreferi għaliha bħala
l-iskjava. Il-kuntest ta’ din il-ġrajja kellu bilfors jinkludi wkoll l-element
erotiku, mingħajr ma jkun vulgari, għax it-tema tal-imħabba hija
kkaratterizzata b’intriċċi u b’sitwazzjonijiet ta’ tradiment, abbuż,
tentazzjonijiet u infedeltà.
Għalhekk
f’dan ir-rumanz partikolari, iva, kont ikkondizzjonat minħabba li din il-ġrajja
hija mmirata lejn qarrejja maturi li jafu sewwa x’taf toffri l-ħajja. L-element
intimu ta’ tqanqil kien meħtieġ biex lir-rumanz itih togħma senswali,
emozzjonanti... u ferm aktar pikkanti!
Bħalissa hawn bosta kotba bil-Malti li huma traduzzjonijiet. Taħseb li din
hija xi ħaġa tajba, u għaliex?
Jiena l-aktar
li nħobb naqra huma xogħlijiet oriġinali ta’ qarrejja Maltin. Biss,
it-traduzzjoni ta’ kotba minn lingwi barranin għall-Malti naħseb li hija xi
ħaġa pożittiva ferm. Dan minħabba li kunċett bħal dan jesponi lill-qarrejja u anki
lill-kittieba Maltin għal ideat ġodda fejn jidħlu stili ta’ kitba differenti,
il-mod ta’ kif jistgħu jgħaddu l-messaġġ, u stejjer aktar oriġinali biex
jiskopru u jwessgħu l-orizzonti tal-qari tagħhom. B’hekk inkunu nistgħu
nitgħallmu aktar minn nies ta’ kulturi, trobbija u esperjenzi tal-ħajja
differenti.
Hawnhekk
nixtieq nagħmel aċċenn ta’ kemm huwa importanti wkoll li kotba bil-Malti
jinqalbu għal lingwi oħrajn. Għandna ħafna kotba tajbin minn awturi lokali li
ħaqqhom l-opportunità li jiġu esposti iżjed fi swieq barranin, kemm għall-mertu
tal-awturi kif ukoll għall-preġju tal-kitba bil-Malti nnifisha.
Għandek xi passatempi li tixtieq taqsam magħna?
L-aktar
passatemp favorit tiegħi huwa l-għawn. Jien imdorri minn meta kont żgħir ħafna
li nqatta’ s-sajf ġewwa San Pawl il-Baħar. U issa li m’għadnix tifel, xorta
waħda għadni nagħmel mill-aħjar biex ingawdi l-baħar, kemm bħala eżerċizzju fiżiku
u mentali kif ukoll bħala passatemp.
Passatemp
ieħor għal qalbi ħafna huwa l-mixjiet fil-kampanja, fil-widien u fuq l-irdumijiet
– kemm ta’ Malta kif ukoll t’Għawdex. Nista’ ngħidlek li ħafna mill-ideat u
l-ispirazzjonijiet għall-kitba jiġuni meta nkun fil-kwiet, fil-ftuħ
tal-kampanja għall-arja safja u mdawwar bin-natura qalb iċ-ċafċifa tal-mewġ,
it-tħaxwix tal-weraq u l-għana tal-għasafar.
Tirrikkmandalna ktieb jew film jew diska? Għalfejn għażilt din/dan?
Naħseb
li wieħed mill-aktar kotba li jogħġbuni huwa L-Għafrit,
ta’ Kilin. Dan
minħabba li għandu bosta mill-ingredjenti li tant jolqtuni, u huma magħġunin b’ħila
kbira fir-rakkont. Ingredjenti bħal żmien il-furbani, is-sehem tas-suldati tad-Dejma,
il-Kavallieri ta’ San Ġwann, il-ħajja tal-Maltin fiż-żminijet l-imgħoddija,
fatti storiċi li l-awtur jirnexxilu jisponi lill-qarrejja minkejja li dawn x’aktarx
li jkunu ntesew, kif ukoll storja ta’ mħabba li tqanqal fija emozzjonijiet
qawwija.
Biss, ktieb ieħor b’tema differenti ferm li kultant żmien nieħu pjaċir
naqra huwa Is-Surmast, ta’ Trevor Żahra. Rakkont li mill-ewwel darba li
kont qrajtu, dejjem jirnexxillu jnissel fija emozzjonijiet imħallta b’umoriżmu
fin. Dan minbarra ċerti messaġġi li l-qarrej kapaċi jinduna bihom fejn jidħlu
r-relazzjonijiet soċjali, kif ukoll politiċi. Għalija dan huwa eżempju ċar ta’ kif
awtur kapaċi jesponi bosta ħiliet differenti b’mod verament intelliġenti.
Biex nagħlqu: x’inhi l-isbaħ ħaġa li qatt qallek xi ħadd?
Wieħed
mill-kummenti li laqatni s’issa, minn tliet adolexxenti differenti, kien li
wara li qraw Preżenza, dan ħajjarhom
biex jibdew jiktbu huma wkoll. Dan għax ir-rumanz huwa ħelu u kapaċi jqanqal bosta
emozzjonijiet differenti mingħajr ħafna tiġbid u kumplikazzjonijiet żejda.
It-tlieta li huma stqarrew miegħi li s-sempliċità tar-rakkont wasslet biex tathom
il-kuraġġ li jibdew jiktbu għax kontra dak li kienu jaħsbu qabel, biex rumanz
ikun pjaċevoli m’għandux għalfejn ikun mimli intriċċi u b’elementi tqal ta’
taħbil il-moħħ. Dan għalija huwa sodisfazzjon kbir għaliex permezz tal-kitba tiegħi,
inħoss li qed jirnexxili ngħin lil min jaħseb li għandu t-talent tal-kitba biex
jiskoprih u jibda jesperimentah.
Kumment
ieħor li spiss nirċievi mingħand ħafna qarrejja u li jtini sodisfazzjon kbir
huwa li, waqt li jkunu qegħdin jaqraw ir-rumanzi tiegħi, dawn iħossuhom qishom
qegħdin jieħdu sehem fil-ġrajjiet infushom, speċjalment fl-avventuri u l-kunflitti tar-rumanzi storiċi. Il-kumment dejjem ikun,
“Ħassejtni qisni kont qiegħda hemm!” Dan il-kumment jagħmilli ħafna kuraġġ
għaliex sekwenzi bħal dawn inkun ili ndurhom u niktibhom aktar minn darba biex
nipprova nittrażmetti l-emozzjonijiet u l-adrenalina li nkun qiegħed inħoss
jiena dak il-ħin fil-qarrej tar-rumanz. B’hekk inkun naf li l-iskop tiegħi nkun
ilħaqtu.
Però
żgur li l-aktar kumment li lili jtini sodisfazzjon huwa meta xi ħadd jiktibli u
jgħidli li kien ilu ma jaqra ktieb bil-Malti snin twal, minn meta kien l-iskola,
u li r-rumanz tiegħi ħajru u rnexxielu jaqraħ sal-aħħar. Dan għaliex b’hekk, jien
inkun irnexxieli nilħaq l-iskop prinċipali tiegħi, jiġifieri li nħajjar iżjed
nies jaqraw bil-Malti. Saħansitra kitbuli Maltin li jgħixu barra li ġew għal
vaganza f’Malta, xtraw xi rumanz minn tiegħi u jgħiduli li minkejja kemm kienu
ilhom ma jaqraw bil-Malti, xorta waħda jkun irnexxielhom jaqrawh sal-aħħar għax
ikun għoġobhom. Dawn il-kummenti lili jtellgħuni s-sema għax ninduna li
bis-sehem tiegħi, jiena qed jirnexxili ngħin biex l-ilsien Malti nkomplu ntuh
l-importanza u l-preġju li tant jixirqulu.
Il-messaġġ prinċipali tiegħi huwa bla dubju ta’ xejn biex
nibżgħu għal-lingwa tagħna. L-ilsien Malti huwa uniku u distint fost ilsna
oħrajn minħabba l-mod ta’ kif issawwar u dejjem kompla jiżviluppa minn ilsna
oħrajn biex jaddatta ruħu u jaqdina tajjeb matul iż-żmien.
Għalhekk inħeġġeġ lil kulħadd biex jitkellmu b’Malti
tajjeb u fejn għandna kliem bil-Malti ma niddejqux jużaw lilu. Ma ninqdewx b’lingwi
oħrajn biex niktbu dak li jkollna bżonn, għax il-kitba bil-Malti kapaċi taqdina
daqs kwalunkwe lingwa oħra u tinftiehem aħjar minna lkoll. Nisħaq ukoll dwar
l-importanza li ż-żgħażagħ jaqraw iżjed bil-Malti ħalli jitgħallmu jużawh
tajjeb f’kull qasam li jkollhom bżonn ħalli jkompli jitjieb
għall-ġenerazzjonijiet futuri. Ktieb huwa bir ta’ tagħlim u mezz ta’
rilassament.
Hawnhekk nixtieq nagħmel appell biex dawk li jitħajru
jiktbu xogħol letterarju bil-Malti bħal novelli, poeżiji, rumanzi eċċ, ma joqogħdux
lura. Ma jiddejqux jesponuh. Qegħdin nisimgħu b’ħafna kittieba ġodda u
għalhekk, inħeġġiġhom biex dak li jiktbu ma jħalluhx fid-dlam tal-kexxun jew
mitluf fil-labirint tal-kompjuter. Il-ħiliet u l-ideat tagħhom tajjeb li jesponuhom
għaliex hawn ħafna talent li għadu moħbi. U l-letteratura Maltija għandha bżonnhom!
----------
Jekk tixtieq taqra l-kotba ta' Michael tista' ssibhom minn hawn:
Comments
Post a Comment