Ftit
tal-ġranet ilu ħareġ il-ktieb tiegħek Noti mal-Fanal, analiżi kritika tal-antoloġija t’Oliver Friggieri Mal-Fanal hemm ħarstek tixgħel. X’valur għandha
l-kritika letterarja fil-ħajja ta’ kuljum?
Jekk nipprova noħroġ mill- “echo chamber” tiegħi u
npoġġi lili nnifsi fis-sitwazzjoni ta’ ħafna oħrajn, nasal biex ngħid li għal
ħafna oħrajn il-kritika letterarja m’għandha ebda post fil-ħajja ta’ kuljum. U
din hija sfortunata. L-apprezzament tal-letteratura jista’ jkollu konsegwenzi
sbieħ għal min jinteressa ruħu fih. Il-qari mill-qrib tal-poeżija, tan-novelli
u tar-rumanzi għandu l-potenzjal li jarrikkixxi l-esperjenza umana fuq
din l-art. Nemmen li min iċaħħad lilu nnifsu minn dan it-tip ta’ apprezzament
ikun qiegħed jitlef opportunità tad-deheb biex isib faraġ emozzjonali li huwa
faċilment disponibbli għalih.
U
fil-każ ta’ din l-antoloġija in partikolari? X’għadu qed jgħidilna l-Professur
Friggieri?
Nemmen li l-poeżiji ta’ Friggieri għandhom
rilevanza dejjiema. Ħafna minnhom iqanqlu fina l-qarrejja dik ir-riflessjoni
eżistenzjali tant meħtieġa għall-bniedem tal-lum. Kellu jkun virus li
riċentament qanqal lil ħafna biex jirriflettu fuq l-eżistenza tant fraġli
tal-umanità fuq din l-art. Il-poeżija ta’ Friggieri, għax hija frott it-tiġrib
tal-ħajja, tippreparana sew għal kull eventwalità. Il-poeta mġarrab jaqsam
magħna l-esperjenza umana tiegħu, esperjenza li wara kollox hija tagħna wkoll.
Bħala
għalliem tal-Malti, x’inhuma l-ikbar sfidi u l-isbaħ sodisfazzjonijiet li tiltaqa’
magħhom?
La qegħdin nitkellmu fuq il-poeżiji ta’ Friggieri
ħa nieħu spunt minnhom. Sfida li tintrigani hija dik tar-rilevanza tagħhom
għall-istudenti tiegħi. Fil-klassi nkun attent biex nirreġistra kull ħjiel ta’
interess li jistgħu juru l-istudenti waqt il-lekċers tal-apprezzament ta’ dawn
il-poeżiji. Huwa ta’ sodisfazzjon meta nħoss sens ta’ empatija bejn l-istudenti
u l-poeżiji studjati; dan nosservah mhux biss waqt l-istudju ta’ poeżiji
eżistenzjali li rreferejt għalihom qabel imma anke waqt dawk il-poeżiji li
jitkellmu dwar id-duwaliżmu politiku li tant kidd lil Friggieri.
Fl-2017
ippubblikajt ktieb għat-tfal, Il-Ħamiem ta’ Matty, li fost affarijiet oħrajn, jittratta t-tema tal-firda minn
mal-għeżież. Kemm taħseb li hu importanti li temi kemxejn ‘diffiċli’ jiġu ttrattati fil-kotba tat-tfal?
Naħseb li dawn għandhom jiġu ttrattati, anzi
nisħaq li l-kittieba tat-tfal għandhom id-dmir li jagħmlu dan. Hekk pereżempju
f’dan il-ktejjeb li semmejt hemm implikata l-mewt, kemm dik umana kif ukoll dik
ta’ ħamiema. Inutli naħarbuha, il-mewt hija reali daqs il-ħajja. Kif jemmen
Friggieri, il-ħajja nnifisha timplika l-mewt. Il-letteratura, sa minn ċkunitna,
tista’ tkun il-kumpann leali u ġenwin li jassistini f’kull fażi u f’kull
ċirkostanza tal-ħajja li jinkludi l-mumenti kiebja meta nħabbtu wiċċna
mar-realtà tal-mewt.
Bħala
kittieb tal-finzjoni, kemm iżżommha f’moħħok l-udjenza tiegħek inti u tikteb?
Tikkundizzjonak fl-istil u/jew fil-kontenut?
Inżommha f’moħħi imma ma nħosshiex
tikkondizzjonani. Jew forsi din tal-aħħar inħossha kelma tqila żżejjed. Le,
l-udjenza ma nemminx li għandha timponi lilha nnifsha fuq il-kittieb. Anzi
meta nikteb inħobb nisfida dan it-tip ta’ kondizzjonament. Nikteb fil-libertà u
ma nħabbilx ħafna rasi dwar jekk xogħli hux se jingħoġob mill-pubblikatur.
Nemmen li l-libertà mentali twassal għal riżultati aħjar. Ovvjament jekk
l-udjenza tkun waħda speċifika bħalma hija dik tat-tfal hemm ċerti linji li ma
nistax naqbeż imma l-bqija nemmen li l-kittieba għandhom qabelxejn jibnu
relazzjoni mal-kitba tagħhom; din imbagħad trid tibni r-relazzjoni tagħha
mal-qarrejja.
Bħalissa
hawn bosta kotba bil-Malti li huma traduzzjonijiet. Taħseb li din hija xi ħaġa
tajba, u għaliex?
Hija tajba għax twassal lill-qarrejja Maltin
xogħlijiet li qabel kienu inaċċessibbli speċjalment meta miktubin b’lingwi li
mhumiex Ingliż jew Taljan. Mill-banda l-oħra, il-mument li fih ikollna iktar
traduzzjonijiet milli xogħlijiet orġinali miktuba bil-Malti, ikun mument
inkwetanti. Għalkemm għandi fiduċja li dak il-mument ma jasal qatt.
Għandek
xi passatempi li tixtieq taqsam magħna?
Apparti dawk marbuta mal-letteratura għandi
passatempi relatati l-aktar man-natura. Inħobb inrabbi l-ħut tal-ilma ħelu; ili
nagħmel dan minn ċkuniti. Peress li trabbejt f’Pembroke, kien l-għaxqa tiegħi
meta nsib ħin immur indur dawra għall-qarnit. Illum il-ġurnata, dan
il-passatemp li tant jirrilassani, qajla għadni nipprattikah.
Tirrikkmandalna
ktieb jew film jew diska? Għalfejn għażilt din/dan?
Nirrakkomanda r-rumanz ċkejken The Blue Fox
għaliex Sjón, l-awtur tiegħu, jirnexxilu jdaħħal lill-qarrejja fl-ambjent
meraviljuż tal-Iżlanda, li għalkemm qatt ma kelli x-xorti mmur, huwa wieħed
mill-aktar pajjiżi li jaffaxxinawni.
Biex
nagħlqu: x’inhi l-isbaħ ħaġa li qatt qallek xi ħadd?
Kelma sempliċi imma għalija tfisser kollox:
il-kelma “papà” meta qalhieli ibni għall-ewwel darba u dan l-aħħar smajtha wkoll
mingħand oħtu!
----------
Jekk tixtieq taqra l-kotba ta' David tista' tixtrihom minn hawn:
Comments
Post a Comment